Jaqta’ qalbu li jifhem kif miet ibnu

Mewt Ġermaniż Mike Mansholt

Missier iż-żagħżugħ Ġermaniż, Mike Mansholt, li miet f’Malta fl-2016, qal li qata’ qalbu mill-awtoritajiet Maltin, peress li wara sentejn, għadu bla tweġibiet dwar il-mewt misterjuż ta’ ibnu.

Ibnu kien instab mejjet f’qiegħ l-irdum ta’ Ħad-Dingli fis-26 ta’ Lulju tal-2016, wara li kien ilu nieqes għal 8 ijiem. Familtu bdiet tfittex wara li ma wasalx lura l-Ġermanja meta suppost kellu jasal.

Infetħet inkjesta dwar il-każ, iżda din donnha li qajmet aktar mistoqsijiet milli weġbithom. Il-gazzetta Ġermaniża Die Welt kitbet artiklu fit-tul dwar din l-istorja taż-żagħżugħ li miet ta’ 17-il sena, bil-kummenti ta’ missieru inklużi.

Għall-bidu, kien ingħad li Mike Mansholt miet wara li waqa’ 29 metru bir-rota, b’tabib jgħid li dahru kien inqasam darbtejn. Madankollu, meta missier iż-żagħżugħ żar il-mortwarju xi jiem wara, impjegat ħadu għall-ġenb u qallu li ma kien hemm l-ebda ksur f’ġisem ibnu. Fil-fatt, l-awtopsji Maltija u Ġermaniża ma sabu l-ebda evidenza ta’ waqgħa, u lanqas il-ħsara tar-rota ma kienet turi li din kienet waqgħet dak l-għoli.

Apparti minn dan, il-basket, il-mowbajl, il-kartiera, il-kappell, il-power bank u l-kamera ta’ Mike qatt ma nstabu.

Iżda l-akbar misteru jibqa’ l-istat li fih kien ġisem Mike meta dan intbagħat lura l-Ġermanja, għaliex dan ma kienx ġie ppreservat. L-uniċi organi li nstabu f’ġismu kienu l-kilwa tax-xellug, id-dijaframma, il-milsa u l-intestin il-kbir. Familtu spiċċat difnet il-ġisem li kien jiżen biss 32kg fil-baħar.

Missier Mike esprima d-diżappunt tiegħu fl-awtoritajiet Maltin, li baqgħu ma tawhx risposta sodisfaċenti dwar mewt ibnu.