Jaqsamlek qalbek ir-ritratt ta’ tarbija, waħda mill-vittmi tat-titjira Russa

Abbord l-ajruplan li waqa’ lbieraħ fis-Sinaj fl-Eġittu, kien hemm abbord 224 persuna. Ħadd minn dawn ma salva u żgur li jiddispjaċik għal kulħadd.
Iżda ritratt ta’ tarbija ta’ għaxar xhur, tħares mit-tieqa tal-ajruport, qabel telgħet fuq l-ajruplan li kkraxja, żgur li jaqsamlek qalbek.
Ħafna tefgħu ritratti, fuq il-mezzi soċjali, tal-qraba tagħhom vittmi tat-traġedja. Fost dawn hemm ritratti, li wħud inġabru fuq midja internazzjonali, ta’ koppja li kienu għadhom kemm iżżewġu, koppji żgħażagħ oħra u tfal.
Intant l-Istat Iżlamiku, fuq midja soċjali, ħadu r-responsabbilità tat-traġedja, u anke tefgħu ritratti tal-aħħar ftit ħin tat-titjira KGL9268.
Iżda, il-Prim Ministru Eġizzjan, Sharif Ismail, qal li esperti kkonfermaw li l-ajruplan ma setax tniżżel minn għoli ta’ 9,450 metru, b’armi li x’aktarx għandhom il-militanti.
L-esperti setgħu jikkonfermaw biss li l-ajruplan sploda fl-ajru, hekk kif il-biċċiet tiegħu nstabu mxerrda f’żona ta’ 20 kilometru kwadru.
S’issa nstabu 163 katavru.