Jaqla’ multa talli naddaf it-triq

Immigrant Niġerjan fl-Italja weħel multa talli kines it-triq mingħajr permess.

Monday l-immigrant ta’ 29 sena li bħalissa ma jaħdimx iddeċieda li jnaddaf it-toroq f’Venezja minflok jittallab. Inizjalment huwa weħel multa ta’ €350 madankollu wara diversi oġġezzjonijiet mir-residenti, il-multa nħafritlu.

Hekk kif Monday weħel din il-multa kien hemm appell biex jinġabru l-flus biex jgħinu lil Monday iħallasha. Fuq biċċa kartoċina huwa kiteb li jixtieq jintegra fis-soċjetà u jaħdem mingħajr ma jittallab. Spjega li hu qed iżomm it-triq nadifa u kull ma kien qed jitlob hija kontribuzzjoni żgħira tax-xogħol li għamel. Matteo d’Angelo f’post fuq Facebook qal li Monday inaddaf it-triq, ineħħi l-weraq u l-filters tas-sigaretti li jsoddu meta tagħmel ix-xita.

Il-Pulizija rċeviet diversi rapporti mir-residenti li opponew dak li kien qed jagħmel Monday. Madankollu diversi residenti ċemplu lil-Pulizija jiddefendu lil Monday meta saru jafu li weħel multa.

L-awtoritajiet Taljani qalu li l-uffiċjala li taw il-multa lil Monday kienu ġodda u mingħajr esperjenza.