Jaqla’ l-bollards minn quddiem il-Knisja biex ikun jista’ jipparkja

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qed jikkunsidra li jinstalla kameras tas-sigurtá qrib il-Knisja parrokjali ta’ San Pawl Nawfragu.
Dan minħabba li persuna jew persuni mhux magħrufa qed jaqilgħu il-bollards li hemm mat-taraġ fit-triq biex ikunu jistgħu jipparkjaw.
Kien il-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali, Christian Micallef li qajjem dan il-każ waqt laqgħa tal-Kunsill fil-jiem li għadda.
Huwa talab sabiex tittieħed azzjoni malajr għaliex kienet qed issir il-ħsara lit-taraġ tal-Knisja u quddiemha mhux permess il-parkeġġ.
Fi ftit jiem, il-bollards tranġaw u reġgħu tpoġġew f’posthom iżda jirriżulta li dan l-individwu mhux magħruf reġa’ qalagħhom minn posthom biex ikun jista’ jkompli jipparkja.
Ma’ Newsbook.com.mt, Christian Micallef qal li din is-sitwazzjoni issa hija inaċċettabli u din il-persuna mhux magħrufa mhux biss qed tagħmel il-ħsara biex tinqeda hi imma wkoll m’għandux rispett lejn min qed jaħdem għall-ġid tal-lokalità.
Filwaqt li faħħar ix-xogħol li qed isir mill-Pulizija, Micallef qal li dwar dan il-każ, il-Kunsill Lokali jinsab f’kuntatt mas-Supretendent tal-Pulizija responsabbli.