Filmat: Jaqilgħu t-tieni ħasla wara li Malta spiċċat bla dawl!

Wara l-ħasla li qalgħu il-ġimgħa li għaddiet meta Malta kollha spiċċat bla dawl, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi ħadu ħasla ta' vera għaliex anke huma daħlu għall-isfida tal-ALS Icebucket Challenge, u ħadu ħasla barmil kiesaħ bis-silġ.
Il-Prim Ministru ġie nnominat minn Marvin Galea u hu imbgħad innomina lil Steve Mallia l-editur tat-Times of Malta, Saviour Balzan l-editur tal-MaltaToday, u lill-Ministru Mizzi.
Joseph Muscat imbgħad ta ħasla lill Konrad Mizzi "f'isem dawk li għamlu 12-il siegħa mingħajr dawl il-ġimgħa li għaddiet".
Il-Ministru Mizzi nnomina lil Ira Losco, Kurt Farrugia u Ariadne Massa. 
Il-Kap tal-Opozizzjoni Simon Busuttil ukoll ġie nnominat għall-Icebucket Challenge, iżda qal li sfortunatament, wara li mar id-dawl ma kellux biżżejjed silġ.
Madankollu, xorta segwa r-regoli tal-isfida billi għamel donazzjoni ta’ €100 lil Puttinu Cares. Innomina lil Lino Farrugia tal-FKNK, Gaby Calleja tal-MGRM u lil Toni Zarb tal-GWU.
Newsbook.com.mt ukoll ġie nnominat għal din l-isfida, bil-ġurnalista Catherine Aquilina tinnomina lil Ira Losco, Żaren tal-Ajkla u lil Fr Martin Micallef tad-Dar tal-Providenza.