Jaqgħu l-libelli ta’ Cardona fil-każ ta’ Acapulco, “Kelli impenn tal-Gvern” – Il-Ministru

Iż-żewġ libelli li fetaħ il-Ministru Chris Cardona kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia waqgħu peress li Cardona ma tfaċċax għas-smigħ u l-familja Caruana Galizia talbet biex jaqgħu l-kawżi.
Minħabba l-proċeduri legali, peress li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona ma deherx il-qorti għas-smigħ dwar l-każ tal-burdell Acapulco, u peress li d-difiża għamlet talba formali biex jaqa’ l-każ, il-Qorti kella twaqqa’ il-kawżi.
Aktar tard, fi stqarrija tal-Gvern, il-Ministru Cardona qal li ma setax ikun fl-awla minħabba impenji tal-Gvern.
Dalgħodu l-avukat ta’ Cardona u tal-assistent tiegħu Joe Gerada għamel talba formali biex jixhdu t-tliet itfal ta’ Caruana Galizia.
F’Jannar tal-2017 Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li l-Ministru tal-Ekonomija u Gerada marru f’burdell f’Velbert. Huma kienu fetħu erba’ libelli kontra Caruana Galizia, filwaqt li dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Missier Matthew, Andrew, u Paul Caruana Galizia qal li dawn qegħdin barra minn Malta fuq struzzjonijiet tal-Pulizija. L-avukat ta’ Cardona u Gerada qal li dan ma kienx minnu. Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qal li apparti milli kien qed jgħid il-verità l-Pulizija saħansitra stazzjonat żewġ pulizija lejl u nhar mal-bieb tad-dar tiegħu.
L-avukat tad-difiża qal li jkun aħjar li kieku Cardona jitfaċċa għas-smigħ u jgħid jekk kienx fil-lukanda jew le meta kien il-Ġermanja.
Meta l-avukat ta’ Cardona u Ġerada baqa’ jinsisti biex jixhdu t-tfal ta’ Caruana Galizia, id-difiża bdiet il-proċedura biex jaqgħu l-kawżi.
Din it-talba ġiet aċċettata mill-Qorti. Il-libelli li fetaħ Joe Gerada se jkomplu jinstemgħu. Hu kien preżenti għas-smigħ tal-lum.
Oħt il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella, kienet qalet li l-familja Caruana Galizia ma tridx li jiġi rtirat il-każ li nfetaħ kontra l-ġurnalista mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona u l-konsulent tiegħu Joe Gerada.
Il-Pulizija tiċħad li l-aħwa Caruana ngħataw struzzjonijiet biex ma jiġux Malta
Fi stqarrija b'referenza għal dak li ġie rappurtat mill-Qorti, il-Pulizija qalu li ma kienx minnu li taw xi struzzjonijiet lill-aħwa Caruana Galizia biex ma jiġux Malta.
Il-Korp tal-Pulizija kategorikament ċaħad dan.