Jaqgħu l-akkużi kriminali fuq żewġ aħwa fi ġlieda ma’ tal-familja

Żewġ aħwa li kienu involuti f’argument ma’ tal-familja, inħelsu mill-akkużi kriminali fil-konfront tagħhom. Il-Qorti semgħet kif il-ġlieda kienet inqalgħet f’Ħaż-Żebbuġ erba’ snin ilu fejn l-aħwa Francis u Tyron Bugeja kienu qed jiġu akkużati li ppruvaw ikorru b’mod gravi lil Yurgen Gauci, li jiġi ħu t-tfajla ta’ wieħed minnhom.

Francis Bugeja ġie akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet ta’ sentenza preċedenti tal-qorti waqt sentenza sospiża, waqt li ħuh Tyson kiser kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja. It-tnejn ġew akkużati li huma reċidivi.

Fil-ġlieda, il-qorti semgħet kif kien taru xi siġġijiet u nġibdu persuni minn xagħarhom, tant li l-aħwa Bugeja kellhom isuqu mill-Birgu għal Ħaż-Żebbuġ biex jintervjenu fil-ġlieda.

Fl-opinjoni tal-qorti, irriżulta madankollu li ż-żewġt aħwa telqu mill-post fejn kienet qed issir il-ġlieda minn jeddhom. Ħareġ ukoll li ma nstabet l-ebda arma fuq il-post, u għalhekk il-qorti ikkonkludiet li ma kienx hemm provi li juru li l-irġiel kienu responsabbli għall-feriti gravi fuq terzi persuni.

Għaldaqstant iż-żewġt aħwa Bugeja nħelsu minn kull akkuża kriminali.