Jaqblu mal-Kummissjoni Ewropea f’azzjoni kontra l-Polonja

Il-Membri Parlamentari Ewropej fil-Kumitat LIBE, dwar il-Libertajiet Ċivili, qablu li l-Parlament Ewropew għandu jappoġġja l-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni kontra l-Polonja.
L-Ewroparlamentari li huma membri ta’ dan il-Kumitat huma mħassba fuq is-separazzjoni tal-poteri fil-Polonja, l-indipendenza tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali f’dan il-pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Talbu wkoll biex il-Gvernijiet li jiltaqgħu f’istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew, għandu jiddetermina jekk il-Polonja tkunx qed tikser serjament il-valuri tal-UE u jekk iva, jipproponi rimedji.
F’Diċembru li għadda, il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċess biex tieħu azzjoni kontra l-Polonja wara li l-pajjiż beda riformi ġudizzjarji deskritti li jmorru kontra l-liġi (saltna tad-dritt) li ma tiġi rispettata.
Din l-azzjoni dixxiplinari qiegħda miktuba f’Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u tipprovdi mekkaniżmu biex l-Ewropa tinforza l-valuri tagħha fuq xi pajjiż membru jekk dan ma jkunx qed isegwi l-liġijiet kif imniżżla fit-Trattat.
Ir-riżoluzzjoni se titpoġġa għall-vot fil-Parlament Ewropew f’sessjoni plenarja fix-xhur li ġejjin fejn il-Membri Parlamentari Ewropej kollha, inkluż dawk Maltin, jiddibattu u jivvutaw fuq x'għandha tkun id-deċiżjoni dwar il-Polonja.