Jaqblu li l-immigranti jiġu kkontrollati bil-fingerprints

Read in English.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew laħqu qbil dwar regoli biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar persuni li jidħlu jew li joqogħdu b’mod irregolari fl-Unjoni Ewropea (UE) permezz ta’ marki ta’ swaba’. Il-PE jgħid ukoll li minbarra l-fingerprints, se tkun maħżuna aktar dejta dwar l-immigranti fosthom in-numri tal-passaport, tal-ID u ritratti. Skont il-PE, l-età tat-tfal li jkun jistgħu jitteħdulhom il-fingerprints se tinżel minn 14 għal 6 snin u dan jgħin biex jinstabu tfal mitlufa u jkunu stabbiliti ħoloq bejn il-familji.

Il-PE spjega li l-Europol se jkollu aċċess u se jkun jista’ jikkonsulta d-dejta għal skopijiet ta’ prevenzjoni ta’ terroriżmu.

Ir-rapporteur, Monica Macovei, qalet li dan il-qbil proviżorju se jassigura li persuni ma japplikawx għall-ażil iktar minn darba f’pajjiżi differenti. It-test maqbul irid jiġi approvat b’mod formali mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE qabel ma jidħol fis-seħħ.