Jaqblu li jtemmu t-theddida nukleari mill-peniżola Koreana

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, u l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, qablu li jaħdmu flimkien biex itemmu t-theddida nukleari mill-peniżola Koreana.
Dan il-ftehim storiku ntlaħaq wara summit xejn inqas storiku minnu bejn iż-żewġ mexxejja.
Fil-fatt kienet l-ewwel darba li mexxej tal-Korea ta’ Fuq rifes l-art tal-Korea t’Isfel, u l-ewwel laqgħa bejniethom wara aktar minn 10 snin.
Qablu wkoll li l-armistizju miftiehem fl-1953, li ġab tmiem għall-gwerra Koreana, jinbidel u jsir trattat ta’ paċi aktar tard dis-sena.
Dawn il-passi ttieħdu ftit żmien biss wara li fl-aħħar xhur ir-rettorika bejn iż-żewġ pajjiżi aħwa xejn ma kienet sabiħa jew amikevoli.
Madankollu, dettalji dwar kif se jiddenuklearizzaw il-peniżola ma kinux ċari ħafna, u xi analisti baqgġu xettiċi dwar kemm il-Korea ta’ Fuq hi ħerqana li dan isir.
Aktar kmieni fl-ewwel parti tal-laqgħa, iż-żewġ mexxejja żaru l-pajjiż ta’ xulxin id f’id, wara li qasmu l-fruntiera li hemm fiż-żona demilitarizzata ta’ Panmunjom, li tifred iż-żewġ pajjiżi u tfisser il-villaġġ tal-paċi.
Xi punti oħra li qablu dwarhom iż-żewġ mexxejja:

  • Jieqfu atteġġamenti ostili bejn iż-żewġ pajjiżi
  • Tinbidel iż-żona demilitarizzata li tifred liż-żewġ pajjiżi għal waħda ta' paċi billi jitwaqqfu xandiriet propogandistiċi
  • Jutnaqqsu l-armamenti fir-reġjun qabel ma jintlaħaq ftehim biex tonqos it-tensjoni militari
  • Isir sforz għal taħditiet bejn l-4 pajjiżi: il-Korea ta' Fuq u l-Korea t'Isfel, iċ-Ċina u l-Istati Uniti
  • Jiġu organizzati laqgħat bejn familji mifrudin
  • Jiġu mmodernizzati r-rotot tal-ferrovija li jgħaqqdu liż-żewġ pajjiżi
  • Aktar kollaborazzjoni konġunta f'attivitajiet sportivi, fosthom il-Logħob Ażjatiċi ta' dis-sena