Read in English.
Inġabru numru ta’ proposti waqt dibattitu fil-Kunsill Lokali tal-Marsa, li matulu l-parteċipanti qablu li jkomplu jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mal-immigrazzjoni fil-Marsa stess.
Id-dibattitu kien wieħed mill-attivitajiet li saru lbieraħ bħala parti mill-proġett Ewropew, li jġib l-isem Snapshots from the borders, li se jdum għaddej tliet snin.
F’dan il-proġett qed jipparteċipaw il-Kunsill Lokali tal-Marsa u l-għaqda mhux governattiva Kopin flimkien ma’ 17-il awtorità lokali u 14-il għaqda mhux governattiva minn madwar l-Unjoni Ewropea.
Għall-attività l-oħra, ir-residenti tal-Marsa lbieraħ filgħodu ltaqgħu fuq il-Pont San Tumas u ddiskutew il-proġett u l-għanijiet tiegħu, filwaqt li nġabru filmati ta’ intervisti man-nies. Il-filmati se jintużaw f’dokumentarju li se jsir dwar il-pajjiżi kollha involuti fil-proġett.
Il-proġett tnieda lbieraħ kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell lokali fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għar-Refuġjati.