Jaqblu fuq Bernard Grech biex jikkontesta lil Delia

Read in English.

Kollox jindika li Bernard Grech se jkun l-unika kandidat biex jikkontesta kontra Adrian Delia bħala Kap ġdid għall-Partit Nazzjonalista.

Hu mifhum li Bernard Grech għandu s-sapport kemm tal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, tad-Deputat Parlamentari Therese Comodini Cachia u l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut li t-tlieta li huma kienu interessati li jidħlu fit-tellieq għal Kap tal-PN.

Kemm Metsola kif ukoll Comodini Cachia qablu fuq Facebook li huma mhux se jkunu qed jikkontestaw biex il-partit jingħaqad wara kap wieħed.

Fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, Roberta Metsola qalet li l-għażla tagħha li din id-darba ma tikkontesta saret biex “għall-akbar ġid tal-Partit l-elezzjoni interna tasal fi tmiemha kemm jista’ jkun malajr”. Stqarret li għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-PN, dejjem għamlitha ċara li lesta li tagħmel il-parti tagħha u tgħin fis-soluzzjonijiet biex il-Partit jirkurpra mis-sitwazzjoni li jinsab fiha.

Thank you for all your messages of encouragement and support. The process underway within the PN is not an easy one but…

Posted by Roberta Metsola on Thursday, August 6, 2020

Comodini Cachia qalet li “bosta huma tal-fehma li l-aħjar metodu huwa li niffaċċjaw elezzjoni billi ningħaqdu wara persuna waħda li għandu jkollha l-għajnuna tagħna lkoll”.

Il-proċess li bdejna flimkien biex naslu għal bidla fil-Partit Nazzjonalista għadu għaddej. Dan huwa proċess li jiena…

Posted by Therese Comodini Cachia on Thursday, August 6, 2020

Elezzjoni ġdida għal Kap tal-PN se ssir f’Settembru li ġej wara dik tal-2017 minħabba li l-Kunsill Ġenerali tal-PN iddeċieda li terġa’ ssir l-elezzjoni.

Il-kontestanti għal Kap tal-PN għandhom sa nhar it-Tnejn li ġej biex jesprimu l-interess tagħhom mal-Kummissjoni Elettorali tal-PN immexxija mill-avukat Peter Fenech. Wara nhar it-Tnejn jibda proċess li permezz tiegħu, il-Kummissjoni Elettorali tagħmel il-verifiki neċessarji biex tippreżenta rapport ta’ due diligence fuq il-kandidati u tapprovahom bħala kandidati uffiċjali għal kariga ta’ Kap tal-PN. L-elezzjoni hija mistennija li ssir f’Settembru li ġej biex sa Jum l-Indipendenza l-Partit Nazzjonalista jkollu Kap ġdid.

Minkejja li Adrian Delia kien sfiduċjat darbtejn, darba mill-Grupp Parlamentaru u darba oħra mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN, huwa għażel li jerġa’ jikkontesta fl-elezzjoni l-ġdida għal Kap li fiha huma mistennija li jivvutaw it-tesserat tal-Partit Nazzjonalista.