​Jaqblu dwar is-Sirja iżda mhux dwar il-hacking

Fl-ewwel laqgħa ta’ bejniethom, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u dak Russu Vladimir Putin laħqu qbil inizjali dwar is-Sirja iżda mhux dwar l-allegat hacking fl-elezzjonijiet Amerikani.
Huma tkellmu f’laqgħa bejniethom waqt is-summit tal-G20 li qed isir f’Hamburg fil-Ġermanja, fost protesti vjolenti qrib il-post fejn qed isir is-summit.
Jidher li dwar is-Sirja hemm qbil bejn Trump u Putin biex ikun hemm waqfien mill-ġlied li mistenni jibda minn għada l-Ħadd 9 ta’ Lulju.
Madankollu il-Ministru Russu Lavrov qal li iktar dettalji dwar dan il-pjan għas-Sirja se jitħabbru iktar tard.
Is-segretarju tal-Istat Amerikan Rex Tillerson iddeskriva din l-ewwel laqgħa bejn iż-żewġ presidenti bħala waħda “b’saħħitha”.
Dwar l-allegat hacking fl-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov qal li Donald Trump aċċetta dak li qallu Putin li r-Russja ma kellha l-ebda involviment. Madankollu mhux magħruf jekk ir-Russja u l-Istati Uniti hux se jilħqu qbil bejniethom dwar dak li ġara fil-verità.
Temi oħra li ġew diskussi kienu jinkludu wkoll it-terroriżmu u l-kriminalità onlajn.