Jaqbillek terġa’ toħroġ ix-xemgħa u l-lampa

L-Enemalta qed tavża li fil-jiem li ġejjin jista’ jkun hemm qtugħ ta’ dawl f’xi nħawi li jieħdu l-provvista tagħhom miċ-ċentru ta’ distribuzzjoni fil-Marsa.
Fi stqarrija, il-Korporazzjoni qalet li qed taħdem biex tipprovdi konnessjonijiet alternattivi għall-inħawi ta’ madwar iċ-Ċentru u tiżgura s-sigurtà tal-provvista lill-klijenti f’dan ir-reġjun.
Spjegat li l-inħawi li kienu mqabbda mal-cables u l-apparat li sofrew ħsarat bin-nirien ta’ nhar it-Tlieta, kellhom jiġu mogħtija l-provvista b’mod temporanju permezz ta’ konnessjonijiet oħra.
Madankollu sostniet li dan l-intervent ta’ emerġenza qed iżid il-pressjoni fuq partijiet oħra tal-grid fl-istess reġjun.
L-Enemalta spjegat li l-ħsarat affettwaw uħud mill-modi alternattivi ta’ kif l-elettriku jitwassal f’dawn l-inħawi. Qalet li għalhekk qed taħdem biex ikollha konnessjonijiet alternattivi oħrajn ħalli tkun f’qagħda aħjar li tilqa’ għal ħsarat oħra li jistgħu jinqalgħu, mingħajr ma taffettwa l-provvista.