Jaqbel mal-ħtieġa ta’ iktar edukazzjoni sesswali, iwissi kontra sfruttament

Id-Dipartiment taż-Żgħażagħ, fl-Università ta’ Malta, jaqbel mal-proposta li fl-iskejjel l-istudenti jingħataw edukazzjoni sesswali, inkluż dwar relazzjonijiet, u li jsiru kampanji edukattivi għalihom u għall-ġenituri dwar il-valuri sbieħ tas-sesswalità, l-attività sesswali, mard marbut magħha, tqala mhux ippjanata u l-ħajja ta’ ġenitur waħdu.
Dr Andrew Azzopardi, Kap tad-Dipartiment, qal dan b’reazzjoni għal rapport ta’ Kumitati Parlamentari li rrakkomanda li tonqos l-età tal-kunsens sesswali għal 16-il sena u li tidħol edukazzjoni sesswali mandatorja fl-iskejjel kollha.
Madankollu Azzopardi sostna li fl-età ta’ 16-il sena hemm żgħażagħ li huma kapaċi jieħdu deċiżjonijiet importanti u oħrajn li ma jifhmux eżatt il-konsegwenzi li jista’ jkollu l-kunsens sesswali.
Esprima tħassib li kważi nofs iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena, fl-2012 ma kinux jafu l-GU Clinic x’inhi waqt li spjega li r-riċerka turi li f’pajjiżi fejn l-età għall-kunsens hi baxxa, jista’ għandhom rati baxxi ta’ tqala minħabba, fost l-oħrajn, edukazzjoni b’saħħitha iktar milli l-età.
Saħaq li liġi ġdida trid tħares liż-żgħażagħ minn sfruttament waqt li tilleġittima l-espressjoni sesswali.