Aġġornata: Jaqbdu ħalliel 45 minuta wara li seraq minn B’Kara

Spettur u Kuntistabbli tal-Pulizija llum rnexxielhom jaqbdu ħalliel ftit minuti wara li wettaq serqa minn karozza f’B’Kara.

Jirriżulta s-serqa saret għall-ħabta tal-4:45pm.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt  jidher li l-ħalliel li għandu madwar 30 sena, sgassa karozza li kienet ipparkajata barra supermarket f’B’Kara u seraq żewġ basktijiet.

Malli sid il-karozza ndunat bis-serqa għamlet rapport l-għassa ta’ B’Kara.

Fil-5:30 ta’ waranofsinhar, jiġifieri tliet kwarti wara li saret is-serqa u fil-ħin li kien qed isir ir-rapport, l-Ispettur Roderick Agius u l-PC 1597 Alfred Chetcuti kienu għaddejjin minn Triq il-Belt Valletta f'Ħal Qormi meta lemħu raġel suspettuż, bla ma kienu jafu li ftit qabel kien wettaq reat.

Malli nduna bil-pulizija, ir-raġel ipprova jaħbi żewġ basktijiet taħt vettura kif ukoll rema l-mowbajl ġo għalqa fil-viċin. 

Wara li ġrew warajh, il-Pulizija ħaduh għall-investigazzjoni u ammetta li wettaq is-serqa ta’ B’Kara.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-qorti għada.