Jaqbdu akkużat mid-DNA ta’ ġakketta li ħalla warajh

Bormliż ta’ 22 sena nżamm taħt il-kustodja tal-Pulizija wara li testijiet tad-DNA fuq ġakketta qablu ma’ dawk tal-akkużat. Il-ġakketta nstabet fil-post fejn seħħet is-serqa.

Iż-żagħżugħ qed jiġi akkużat li pparteċipa f’serqa f’Raħal Ġdid. Skont l-istħarrġ li sar mill-Pulizija, wieħed miż-żewġt irġiel żamm lill-ħaddiema u x-xerrejja fil-ħanut u kellu sikkina f’idu. F’din is-serqa persuna ġarrbet ġrieħi ħfief.

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni qalet li l-filmati tas-CCTV cameras u r-riżultati tad-DNA waslu biex jinqabad l-akkużat. Il-prosekuzzjoni kompliet li t-tielet persuna kien jinsab barra biex isuq lill-akkużati minn fuq il-post. Żiedet li din il-persuna nqabdet ħmistax ilu.

Iż-żagħżugħ qed jiġi akkużat b’serq aggravat, li żamm persuni kontra r-rieda tagħhom, li fera persuna ħafif, ipponta sikkina taqta’ u bil-ponta, u li kiser sentenza sospiża.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih bil-Maġistrat tiddeċiedi li tkompli tisma’ l-każ it-Tlieta wara li tisma’ xhieda ta’ rappreżentant tal-Aġenzija Sedqa. Il-Maġistrat iddeċidiet dan wara li r-raġel qal li qed jistenna biex jibda programm ta’ riabilitazzjoni mal-Aġenzija Sedqa. Ir-raġel inżamm arrestat.