Aġġornata: Tinżamm arrestata l-mara b’kilo kannabis taparsi ħut imqadded

Id-Dipartiment tad-Dwana qabad 1.1 kilogrammi kannabis, li l-persuna li kienet qed iġġorrhom qalet li kienu ħut imqadded, u iżjed tard fil-Qorti llum, xehdet mhux ħatja ta’ dan.

Mara Niġerjana ta’ 36 sena li kienet ġejja minn Treviso twaqqfet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-affarijiet li kienet qed iġġorr magħha għaddew minn ġo magna tal-X Ray, u nstabu 5 pakketti tal-plastik. Hija saħqet li dawn kienu pakketti ta’ ħut imqadded, iżda meta fetħuhom, l-uffiċjali sabu li huma kannabis.

Fil-Qorti, hija ġiet akkużata b’importazzjoni ta’ droga illegali u pussess tal-kannabis li ta ħjiel li ma kinitx għall-użu personali tagħha. Hija wieġbet mhux ħatja, iżda ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.