Aġġornata bir-ritratti: Imutu annimali f’zoo li ħa n-nar fl-Imtaħleb

Il-Pulizija kkonfermat ma' Newsbook.com.mt li xi annimali mietu wara li l-Wildlife Park f'Wied il-Bużbież, l-Imtaħleb, ħa n-nar.
Sa issa għad m'hemmx rapporti dwar persuni midruba, u sorsi qalulna li l-membri tal-familja li tmexxi l-park tal-annimali jinsabu qawwijin u sħaħ, għalkemm darhom inqerdet.
Sorqi qrib l-inħawi tal-park qalu lil Newsbook.com.mt li fost l-annimali li mietu minħabba n-nirien hemm 2 leopardi u sa 6 xadini.
Jidher ukoll li hemm iljun li qed ibati biex jieħu n-nifs minħabba d-duħħan li bela', u qed jingħata l-kura minn membri mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali li marru fuq il-post b'ambulanza.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) kkonfermaw ukoll dan l-inċident meta qalulna li rċevew rapporti għall-ħabta tal-5.30am.
In-nirien ġew ikkontrollati u mitfija.
Sadanittant, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali qal fi stqarrija li din kienet operazzjoni diffiċli għall-ammont ta' nirien li kien hemm, iżda jqisha waħda ta' suċċess.
Id-Direttur tal-Animal Welfare, Noel Montebello, qal li ħafna mill-annimali ġew salvati, fosthom kelba bil-frieħ tagħha, it-tjur, frieħ tal-annimali eżotiċi, it-tigri u l-iljuni.
Is-Segretarju Parlamentari, Clint Camilleri, wiegħed il-koperazzjoni kollha min-naħa tal-Animal Welfare sabiex jiġu trasferiti l-annimali, u se jkun qiegħed isegwi dal-każ mill-qrib.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.
Ritratti: Ian Noel Pace