Jaqa’ tliet sulari u jweġġa’ serjament fuq post tax-xogħol

Żagħżugħ ta’ 27 sena min-Niġer sofra ġrieħi serji wara li waqa’ madwar 3 sulari fil-Belt.
Il-Pulizija qalet fi stqarrija li l-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-10am, xħin iż-żagħżugħ waqa’ tliet sulari minn sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Merkanti.
Fuq il-post assistieh tim mediku, u ttieħed Mater Dei fejn ġewlu ċċertifikati l-ġrieħi msemmija.
Il-Heritage Malta kkonfermat li r-raġel indarab waqt xogħol ta’ kostruzzjoni li hemm għaddej fil-Berġa tal-Italja in konnessjoni mal-proġett MUŻA.
Fi stqarrija qalu wkoll li l-ħaddiem huwa mpjegat ta' kuntrattur privat, madanakollu se tibqa' ssegwi mill-viċin l-iżviluppi dwar dan il-każ.