Jaqa’ minn fuq sellum u jissielet għal ħajtu

Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn fuq sellum waqt li kien qed jagħmel xi xogħol f’kamra tal-bejt f’Birżebbuġa.

Ir-raġel għandu 59 sena u joqgħod Birżebbuġa stess, fi Triq it-Tankijiet, fejn l-inċident ġara lbieraħ fin-12.30pm. Ir-raġel waqa’ minn fuq is-sellum, u xħin kien fl-art, is-sellum waqa’ fuqu.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija u uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu lir-raġel, fejn issejħet ukoll ambulanza. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.