Jaqa’ materjal tal-kostruzzjoni fuqu; iweġġa’ gravi

Raġel ta’ 34 sena sofra ġrieħi gravi wara li weġġa’ f’sit tal-kostruzzjoni.

Ir-raġel mill-Bali weġġa’ fi Triq ir-Rebħa, il-Gżira, meta waqa’ xi materjal fuqu. Fi stqarrija mingħand il-Pulizija, ġie spjegat li l-Pulizija ġiet infurmata fid-9.15am.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li taw l-ewwel għajnuna, u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei. L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.