Jaqa’ ġebel f’mina tal-Enemalta; “impatt minimu” fuq il-provvista tad-dawl

L-Enemalta qalet li xi ġebel waqa’ f’mini ta’ distribuzzjoni b’konsegwenza li parti mis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku esperjenzat ħsara konsiderevoli. Il-kumpanija qalet li l-ħsarat rriżultaw f’impatt minimu fuq il-provvista tal-elettriku.

Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li l-inċident seħħ “aktar kmieni matul il-jum” l-ġebel waqa’ minħabba xogħol li qed isir f’sit tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq.

Skont l-Enemalta, “dawn il-ħsarat affettwaw il-konnettivita’ bejn iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tal-Mosta u l-Kappara u xi friegħi oħra li jissupplixxu ż-żona ta’ Santa Venera. Permezz tas-sistemi awtomizzati u faċilitajiet ta’ kontroll, il-ħsarat ikkawżati rriżultaw f’impatt minimu fuq il-provvista tal-elettriku taż-żona milquta. Fl-aħħar sigħat u fil-ħin li ġej, il-ħaddiema tagħha se jkunu qed iwettqu ħidma kontinwa biex din il-ħsara ma tħallix effett fuq il-provvista tal-elettriku.”

Wara li rriżultaw xi ħsarat fis-sistema li tissuplixxi l-elettriku lill-Isptar Mater Dei, l-Enemalta, infurmat…

Posted by Mater Dei Hospital on Thursday, August 29, 2019

L-Enemalta temmet tgħid li “filwaqt li ġiet maħtura inkjesta maġisterjali dwar dan il-każ, Enemalta plc ma teskludix li jista’ jkun hemm xi interruzzjonijiet qosra waqt li jkunu qed jitwettqu t-tiswijiet meħtieġa.”