Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħal Qormi

Read in English.

Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni ġewwa Ħal Qormi. Skont stqarrija maħruġa mill-Pulizija, l-inċident seħħ għall-ħabta 7:30am. Il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa sit ta’ kostruzzjoni fi Triq l-Imdina.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li raġel barrani, li l-identità tiegħu għadha mhux stabbilita, sofra xi ġrieħi wara li tilef il-bilanċ u waqa’ mal-art f’dan is-sit ta’ kostruzzjoni.

Fuq il-post issejħet ambulanza biex tieħu lill-vittma l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.