Jaqa’ arblu fuqhom; 3 iweġġgħu

Tliet irġiel weġġgħu waqt li kienu qed iniżżlu arblu tal-bnadar minn fuq il-bejt hekk kif waqa’ fuqhom. L-irġiel għandhom 77, 49 u 41 sena u joqgħodu l-Fgura.

Fi stqarrija, l-Pulizija qalet li l-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-6:00pm fi Triq Mahatma Gandhi, il-Fgura.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittmi l-Isptar Mater Dei.Aktar tard, iż-żewġt irġiel ta’ 49 sena u 41 sena ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li r-raġel ta’ 77 sena sofra ġrieħi ħfief.