Aġġornata (2): Qrib ftehim fl-Università: ir-riżultati jinħarġu dalwaqt

Skont il-Ministeru tal-Edukazzjoni hemm bażi tajba biex jintlaħaq qbil dwar il-ftehim kollettiv tal-akkademiċi.
B’reazzjoni għal dan il-Unjins konċernati rtiraw l-azzjonijiet industrijali li kellhom.
Il-President tal-MUT, Kevin Bonello, ikkonferma ma' Newsbook.com.mt li dan ifisser li r-riżultati mistennija jiġu ppublikati dalwaqt.
Dan wara li l-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iltaqgħu mal-Università ta’ Malta, l-MUT u l-UMASA.
Intant fi stqarrija l-Kunsill Studenti Universitarji laqa’ b’sodisfazzjon din l-aħbar għalkemm qal li jinsab diżappuntat li l-passi ttieħdu wara li saret pressjoni min-naħa tiegħu.
Il-KSU qal li ħa jibqa’ jsegwi n-negozjati filwaqt li jittama li ma jdumux ma jiġu konklużi u li ż-żewġ partijiet jibbenefikaw mil-ftehim.
L-istqarrija tirringrazja lill-2,500 persuna li ffirmaw il-petizzjoni. Iżżid tgħid li issa li l-azzjonijiet ġew irtirati, il-Kunsill jittama li r-riżultati jiġu ppublikati fi żmien qasir.

Reazzjoni PN

Il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern wasal biex jilħaq xi ftehim mal-letturi tal-Università u l-Junior College u li issa l-istudenti se jkunu qed jirċievi r-riżultati tal-eżamijiet.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq li jittama li r-riżultati joħorġu kemm jista’ jkun malajr biex l-istudenti ma jitilfu l-ebda opportunitajiet li jista’ jkollhom.
Il-PN irringrazja lill-KSU li ħadem f’ġieħ l-interess tal-istudenti kollha.
 
Aktar Kmieni

Studenti tal-Università qalu ma’ Newsbook.com.mt li rċevew imejl biex japplikaw għall-istudy units għas-sena skolastika li tibda f’Ottubru minkejja li għadhom ma rċevewx ir-riżultati tal-eżamijiet.
Student li f’Ottubru jitla’ għar-raba’ sena tal-kors saħaq li minkejja li ilu żmien twil li lesta l-eżamijiet m’għandux ir-riżultati. Żied li minkejja dan, ilbieraħ irċieva imejl mill-fakultà biex japplika għall-istudy units fi żmien ġimgħa.
L-istudent kien irrabjat ukoll li din is-sena, uħud mill-fakultajiet, mhux se jaċċettaw reġistrazzjoni onlajn għall-istudy units, imma l-istudenti jridu jmorru fl-uffiċini tal-fakultà bil-formola tar-reġistrazzjoni.
Qal ukoll li mhux sew li l-istudenti “jintużaw” b’dan il-mod f’nuqqas ta’ qbil bejn il-letturi u d-dipartimenti li jħallsuhom.  Żied li dan id-dewmien qed jinkwetah għax min se jkollu resit mhux se jkollu ċans jipprepara għalih.
Ma’ Newsbook.com.mt tkellmet ukoll studenta li s’issa rċeviet biss tliet riżultati minn għaxra, minkejja li lestiet l-eżamijiet fis-16 ta’ Ġunju. Saħqet ukoll li ma tagħmilx sens li tapplika għall-istudy units meta ma tafx jekk għaddietx għas-sena li ġejja.
L-istudenta qalet li tkellmet ma’ lettur li kkonfermatilha li l-karti huma kkoreġuti u l-marki lesti imma hemm problema fis-sistema biex jiġu ppublikati r-riżultati.
Ilbieraħ il-KSU fetaħ petizzjoni biex jiġu ppublikati ir-riżultati. Fi kważi 24 siegħa s’issa nġabru madwar 2,400 firma.
Il-letturi tal-Università jinsabu għaddejin b’azzjoni industrijali għax jixtiequ li l-pagi tagħhom jiżdiedu jew jiġi assigurat li mhux se jonqsu.