Jappellawlu biex jipproteġi lit-tfal refuġjati

Read in English.

Grupp ta’ akkademiċi mill-Univeristà ta’ Malta qalu li għandhom tħasib dwar dak li qed jiġri lit-tfal li qed ifittxu l-ażil f’Malta. Fakkru lill-Ministru Michael Falzon li bħala Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal, Falzon huwa responsabbli għalihom.

F’ittra l-akkademiċi qalu li huma kkonċernati wkoll dwar l-inċidenti li kien hemm f’Ħal Far ilbieraħ u llum. Qalu li dawn jfissru riskju għall-ħajja, is-saħħa, u l-benessere psikoloġika tat-tfal.

Immigranti Ħal Far: Tħallew bil-ġuħ; jingħataw l-ikel mill-NGOs

“Sa fejn nafu aħna, għadu ma sarx l-assessjar tal-età tat-tfal. Napprezzaw li l-assesjar huwa proċess tekniku li jirrekjedi persuni bil-ħiliet neċessarji u ninsabu konxji li l-organizzazzjonijiet internazzjonali bbażati f’Malta li għandhom il-kompetenza u li urew interess li jgħinu l-isforzi lokali mhux qed jintużaw. Sakemm l-assessjar jiġi ffinalizzat nitolbuk li inti, bħala l-Ministru responsabbli għat-tfal, tassigura li jirċievu l-protezzjoni li jixirqilhom bħala tfal.”

L-akkademiċi qalu li skoprew li ħafna minn dawk assessjati bħala tfal għadhom f’detenzjoni u li mhux qed jingħataw il-protezzjoni adegwata. Dan għaliex qed jinżammu mal-adulti.

L-akkademiċi qalu li huma kunfidenti li Falzon jaqbel li kull deċiżjoni li tittieħed biex tfal ta’ 16 u 17-il sena jitpoġġew mal-adulti tmur kontra l-obbligi tal-liġi li tagħraf li dawk li huma taħt it-18 huma tfal.

Qalu li dan ifisser li hemm ksur tar-responsabilitajiet tiegħu.

B’kollox kien hemm 81 persuna li ffirmaw l-ittra. Fosthom kien hemm Prof. Andrew Azzopardi, Dr Giuliana Fenech, Dr Michael Briguglio, Dr Joanne Cassar, Dr Anna Borg, Dr Jean-Paul De Lucca, Dr JosAnn Cutjar, Prof. Brenda Murphy, u Dr Maria Pisani.