Jappellaw biex jistaqsu dwar il-preżenza ta’ Schembri fit-tieġ ta’ sid Pilatus

Id-deputati tal-Partit Nazzjonalista (PN) Simon Busuttil u Jason Azzopardi ppreżentaw appell mir-ruling tal-Ispiker tal-Kamra Anġlu Farrugia wara li ma ppermettiex li jsiru l-mistoqsijiet tagħhom dwar il-preżenza taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fit-tieġ ta' sid Pilatus Bank.
Is-sid u l-eks ċermen tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad ġie arrestat fl-Istati Uniti fejn qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-mistoqsijiet ġew imwaqqfa minn Farrugia għax qal li mhix kwistjoni pubblika jekk Keith Schembri attendiex għat-tieġ ta’ sid il-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad.
Fl-appell tagħhom, Simon Busuttil u Jason Azzopardi qalu li l-attendenza ta' Keith Schembri għal dan it-tieġ hija ta' interess pubbliku u allura għandha tiġi diskussa fil-Parlament għall-iskrutinju pubbliku.
Huma qalu wkoll, li f'pajjiż demokratiku, l-Ispeaker għandu jħalli mistoqsijiet bħal dawn isiru u mhux iwaqqafhom hu stess.
Saret ukoll mistoqsija dwar kemm-il darba l-Prim Ministru Joseph Muscat ltaqa’ ma’ Ali Sadr qabel Ġunju tal-2015.
Skont Anġlu Farrugia, kwistjonijiet li jqajmu politiċi u l-midja li huma jgħidu li huma fl-interess pubbliku mhux neċessarjament ikunu “ħwejjeġ pubbliċi”.
Azzopardi u Busuttil qalu li Joseph Muscat attenda għat-tieġ ta’ Ali Sadr li llum jinsab arrestat u maqful f’ħabs l-Istati Uniti akkużat li kien ilu s-snin jaħsel miljuni kbar ta’ flus.