Jappellaw mid-deċiżjoni tal-UE favur l-abort

L-organizzaturi tal-ikbar petizzjoni fl-istorja Ewropea, li qed jappellaw biex jitneħħa l-fond Ewropew għar-riċerka dwar il-qtil tal-embrijuni, ressqu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dan wara li f’Mejju li għadda, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet l-inizjattiva tagħhom għal kollox.
Fil-jiem li għaddew, membri tal-Kumitat tal-inizjattiva One of Us ressqu appell quddiem il-qorti fil-Lussemburgu, kontra l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, fejn qed jitolbu li tiġi annulata d-deċizjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Permezz tal-inizjattiva miċ-ċittadini (ECI), żewġ miljun persuna madwar id-dinja qed jappoġġjaw il-petizzjoni biex jinbidlu l-liġijiet sabiex il-Kummissjoni Ewropea ma tkomplix tiffinanzja prattiċi bioteknoloġiċi antiki li jmorru kontra kull etika, kif ukoll l-abort f’pajjiżi fejn dan diġà meqjus illegali.
Gruppi favur il-ħajja ddeskrivew din id-deċiżjoni bħala ‘farsa’ li ‘tinjora’ l-proċedura demokratika u li tmur kontra l-objettivi demokratiċi tat-Trattat ta’ Lisbona.
Fl-appell tagħha, il-One of Us irrimarkat dwar is-silenzju tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-dikjarazzjoni li l-embriju huwa persuna. 
Miż-żewġ miljun persuna li ffirmat il-petizzjoni kontra l-abort, kien hemm 25,000 Malti.