Jappellaw fil-midja soċjali biex tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fl-għases

Ir-residenti fl-inħawi ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi u f’lokalitajiet oħra bħal San Pawl il-Baħar u l-Qawra qed jappellaw lill-Awtoritajiet biex tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fl-għases u r-rondi fit-toroq.
Dan minħabba każi ta’ għajjat u storbju imma wkoll attentati ta’ serq u vandaliżmu, li qed isir minn persuni barranin.
Residenti f’San Ġiljan u Tas-Sliema huma l-aktar affetwati minħabba l-ammont ta’ persuni li jiżdiedu fi tmiem il-ġimgħa.
Fis-Swieqi u San Pawl il-Baħar qed jiżdiedu l-kummenti fil-midja soċjali minħabba l-għajjat u l-istorbju fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
Kien hemm min ikkummenta li ħafna mit-toroq fis-Swieqi saru burdell matul il-lejl, b’każi ta’ persuni fis-sakra li jagħmlu l-urina fit-toroq.
L-istess rapporti qed jaslu f’San Pawl il-Baħar, b’mod speċjali fl-inħawi ta’ Triq il-Pijunieri fejn ir-residenti lmentaw fil-midja soċjali għall-għajjat u attentat ta’ vandaliżmu speċjalment minn żgħażagħ.
Filwaqt li l-Pulizija qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom bl-ammont konsiderevoli ta’ rappori u lmenti li jaslulhom, jirriżulta li hawn nuqqas ta’ riżors uman.
Fil-ġimgħat li għaddew, is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat qal ma’ Newsbook.com.mt li filwaqt li jinsab sodisfatt bl-andament tal-Għassa l-ġdida s’issa jixtieq iktar Pulizija.
Dan is-sentiment qed jinħass fost ir-residenti tal-lokalitajiet kollha li qed jesperjenzaw żieda fl-inkonvenjenzi u fil-kriminalità.  

Ritratt: Media Police