Jappellaw biex it-titjiriet lejn Lourdes ikunu f’ħinijiet diċenti

Iż-żewġ għaqdiet li jorganizzaw il-pellegrinaġġi tal-morda lejn Lourdes għadhom bit-tama li t-titjiriet minn u lejn Malta isiru f’ħinijiet iktar diċenti.
Il-vjaġġ minn Malta jibda fl-10pm u jdum sal-4am, meta l-morda u l-voluntiera jaslu Lourdes. Il-vjaġġ lura, jibda fl-10pm mil-lukanda u jdum sal-5am.
B’reazzjoni għall-blogg tal-Isqof Charles J. Scicluna, Newsbook.com.mt tkellem maż-żewġ għaqdiet, l-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes u l-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes, li qalu li ilhom jixtiequ li jinbidel il-ħin tat-titjiriet.
Qalu li jifhmu li fis-sajf, il-linja nazzjonali tkun taħt iktar pressjoni u l-ajruplani jkunu qed jintużaw il-massimu possibbli. L-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes qalet li se tkompli bit-taħdidiet mal-Air Malta bit-tama li tinħoloq opportunità għal ħinijiet b’inqas skariġġ.
Fl-istess waqt, l-Assoċjazzjoni qalet li tagħmel li tista’ biex ittaffi t-tbatija kkawżata mill-ħinijiet skomdi. Il-morda u l-voluntiera jitħallew jidħlu kmieni fil-kamra tal-lukanda u joħorġu tard.
Fil-blogg, l-Isqof Scicluna kiteb dwar l-esperjenza tiegħu meta akkumpanja grupp ta’ morda u voluntiera għall-pellegrinaġġ f’Lourdes.
Spjega li l-‘ħinijiet massakranti huma inkwetanti’ u appella biex din tkun solvuta sabiex tkun evitata tbatija żejda lill-morda.
L-Isqof Scicluna talab li ż-żewġ għaqdiet li jorganizzaw il-pellegrinaġġi jingħaqdu flimkien biex itellgħu grupp wieħed kbir ta’ morda f’daqqa, u b’hekk tkun tista’ ssir pressjoni fuq l-Air Malta għal titjiriet mal-ġurnata.
Kelliema għall-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes qalet li l-isforzi li saru fil-passat biex l-għaqdiet jingħaqdu flimkien ma wasslu imkien.
L-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes qalet li filwaqt li taqbel mal-Isqof li l-għaqdiet Maltin iżidu s-saħħa tagħhom meta jingħaqdu flimkien, l-eżistenza ta' iżjed minn għaqda waħda qiegħda toffri possibiltà għal numru ikbar ta' Maltin biex jagħmlu pellegrinaġġ lejn Lourdes, kull sena. Spjegat li jekk isir pellegrinaġġ wieħed kbir fis-sena, ikunu il-morda stess li jbatu. Dan minħabba diffikultajiet loġistiċi biex jittella’ grupp akbar minn 320 persuna.
Filwaqt li spjegat li l-pellegrinaġġ mhux attività iżolata, imma l-qofol ta’ sena xogħol, issuġġeriet li l-għaqdiet jorganizzaw attivitajiet flimkien f’Malta.