Jappella s-sentenza għax ma kienx jaf il-konsegwenzi talli jammetti

Sid ta' stazzjon tal-VRT li f’Marzu li għadda ntbagħat il-ħabs wara li ammetta li kien involut bi frodi ta’ testijiet tal-karozzi, ħa jingħata ċans ieħor fil-Qorti tal-Appell għax inizjalment ma kienx fehem il-konsegwenzi tas-sentenza.
Jesmond Pulis ta’ 52 sena minn Ħaż Żabbar se jidher fil-Qorti tal-Appell wara li ma fehemx għalkollox l-implikazzjonijiet li kien hemm meta ammetta mill-ewwel li kien ħati.
Pulis kien tressaq il-Qorti fuq akkużi relatati ma' skema ta’ frodi li biha kienu joħorġu ċertifikati tal-VRT għal vetturi li ma jkunux ġew iċċekjati kif suppost, kif ukoll li kien impjega xi ħaddiema llegalment.
Fil-Qorti Pulis kien irrifjuta l-għajnuna legali u mill-ewwel kien ammetta li hu ħati.
Sostna li għamel hekk għax kien tal-impressjoni li jekk jammetti mill-ewwel se jingħata sentenza sospiża filwaqt li kien baqa’ jinsisiti li kien ħati avolja kien ġie mgħarraf mill-Maġistrat bil-konsegwenzi ta’ dan.
Dan waslu biex irċieva sentenza ta’ ħames snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ €10,000 kif ukoll l-irtirar tal-liċenzja tal-istazzjon tiegħu.
L-għotja ta’ din is-sentenza iebsa ġiegħlet lil Pulis ifittex l-għajnuna legali biex jappella s-sentenza mogħtija għax skontu kien misinfurmat mill-uffiċjal tal-prosekuzzjoni.