Jappella minn 13-il sena ħabs għax skontu x-xhud gideb

Raġel li qed jiskonta 13-il sena ħabs wara li ħadem ma’ ħaddieħor biex tiddaħħal il-kokaina f’Malta appella s-sentenza għax skontu x-xhud ewlieni gideb taħt ġurament u d-deċiżjoni fil-Qorti ttieħdet mingħajr fatti veri.
Stephen Egbo, Niġerjan ta’ 39 sena, ingħata s-sentenza x-xahar li għadda b’7 voti kontra 2, wara li ttella’ l-Qorti mixli li fl-2010 ftiehem ma’ Attila Somiyai, Rumen, biex dan tal-aħħar idaħħal id-droga f’ġismu mill-Olanda.
Mas-sentenza Egbo kien weħel €30,000.
Skont ix-xhieda ta’ Somiyai, Egbo kellu jiġbor b’500g kokaina mingħandu, li kienet moħbija f’40 kapsula fl-istonku b’valur ta’ €44,000.
Fl-2014, ir-Rumen kien ingħata 9 snin ħabs u tnaqqsitlu l-piena għax ikkopera mal-Pulizija.
Fil-Qorti l-avukati tan-Niġerjan qalu li r-Rumem gideb fix-xhieda u li kull evidenza oħra turi li Egbo kien innoċenti.
Somiyai kien qal li għaraf lil Egbo minħabba d-dreadlocks li dan kellu f’xagħru, iżda l-avukati ta’ Egbo qalu li dak iż-żmien dan lanqas kellu d-dreadlocks.
Intqal ukoll li Egbo ma kellu ebda flus fuqu u anqas f’daru, minkejja li Somiyai xehed li Egbo ħallsu ta’ xi biċċa xogħol oħra li għamel qabel.
Qalu wkoll li ż-żewġt irġiel qatt ma tkellmu fuq it-telefown, kif qal Somiyai, u dan-numru qatt ma ntwera fil-Qorti.
Ritratt: Arkivji