Jappella mid-deċiżjoni tal-Ispiker biex ma jħallihx jistaqsi

L-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, appella aktar kmieni dalgħodu mir-ruling tal-Ispiker Anġlu Farrugia, wara li dan jumejn ilu m’aċċettalux mistoqsijiet dwar Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Fuq Facebook Busuttil qal li qed jiddedika dan l-appell f’ġieħ il-ġurnalista maqtula, Daphne Caruana Galizia, li rrimarka li ħallset l-ogħla prezz fil-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni.
Il-kwistjoni bejn Busuttil u Farrugia ilha għaddejja tlitt ijiem, meta Busuttil talab lill-Ispiker biex jirrekuża ruħu minn ruling dwar mistoqsijiet parlamentari li jittrattaw liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Busuttil sostna li l-mistoqsija tiegħu saret fl-interess pubbliku u Malta kien pajjiż liberu u mhux Pyongyang, il-kaptali tal-Korea ta’ Fuq.
Madankollu l-Ispiker l-għada waranofsinhar ikkonferma lil Busuttil li mhux se jħallih jistaqsi jekk Schembri għandux kontijiet bankarji f’Dubaj u l-Bank Pilatus, għax sostna li l-mistoqsijiet parlamentari indirizzati lill-Ministri jridu jkollhom x’jaqsmu mal-affarijiet pubbliċi li jkunu jittrattaw, u jrid ikollhom bażi fattibbli, u mhux jippruvaw sempliċiment jikkonfermaw xnigħat tal-midja.
Aqra l-mozzjoni bil-Malti minn hawn taħt.