Jappella lill-Gvern jintervjeni biex ma jsirx żvilupp f’Ta’ Masrija

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-Gvern għandu jintervjeni u jwaqqaf proposta li tista’ twassal għall-bini ta’ 300 appartament fil-Mellieħa. 
Fil-Parlament illejla, ikkritika lill-MEPA talli fi kliemu din ċediet għall-pressjoni u biddlet il-policy tagħha wara li l-Gvern ta’ qabel kien żamm sod u ma ċediex.
Qal li jekk din il-proposta tgħaddi, ikun ifisser li jista’ jittellgħu sa seba’ sulari appartamenti fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Masrija, li qal jidhru mill-Bypass tal-Mellieħa.
Saħaq dwar l-importanza li għandha l-istorja tal-Palazz ta’ Selmun li fi kliemu għandha titħares għax din tifforma parti mill-patrimonju Malti.
Robert Cutajar semma kif ir-residenti tal-Mellieħa huma mħassba ħafna dwar id-dell u l-impatt negattiv li bini bħal dan mistenni joħloq.
Semma kif ma sar l-ebda studju dwar l-impatt soċjali u għalhekk qed iħeġġeġ lill-Gvern biex jintervjeni f’dan il-każ.