Panama: Jappella lill-Gvern jagħmel dak li hu fl-interess nazzjonali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-Gvern biex fil-każ tal-iskandlu tal-Panama, jagħmel dak li hu responsabbli u fl-interess nazzjonali.
​Waqt żjara li għamel lill-kumpanija Deloitte fl-Imrieħel, li timpjega mal-400 ħaddiem, il-Kap Nazzjonalista qal li “s’issa l-Gvern dan għadu m’għamlux, imma li l-poplu Malti u Għawdxi jistenna li jieħu azzjoni mingħajr aktar dewmien.”
Simon Busuttil qal li bħalissa l-pajjiż qed jaffaċċja diffikultajiet fis-settur tas-servizzi finanzjarji.
Spjega kif fuq livell Ewropew qed tiżdied il-pressjoni biex ċentri tas-servizzi finanzjarji jbiddlu r-regoli tagħhom.
Dr Busuttil qal li dan l-iskandlu qed ikompli jdgħajjef il-pożizzjoni ta’ Malta u s-settur tas-servizzi finanzjarji, li Malta ma taffordjax li titlef.
Simon Busuttil tenna l-impenn tiegħu u tal-PN li se jibqa’ jimpenja ruħu biex is-settur tas-servizzi finanzjarji jibqa’ jissaħħaħ.