​“Jappella li l-kawżi jitħaffu biex ma jitqanqlux l-esperjenzi”

Il-Psikjatra Dr Anton Grech appella lill-Qorti biex ċertu kawżi ma tantx idumu, “għax kull darba qed nerġgħu nqanqlulu l-esperjenza.”
Il-Maġistrat Joe Mifsud b’apprezzament faħħar lil Dr Grech għax-xhieda tiegħu fil-każ taż-żagħżugħ ta’ 14-il sena li lbieraħ inħeles mill-akkużi ta’ qtil involontarju ta’ sieħbu f’inċident fil-bajja tax-Xatt l-Aħmar, limiti ta’ Għajnsielem, is-sena li għaddiet.
Il-Maġistrat Joe Mifsud b’appell għall-Avukat Ġenerali
Dr Mifsud ħa spunt mix-xhieda ta’ Dr Grech, u ħeġġeġ lill-Avukat Ġenerali, biex meta jkun hemm każi simili, il-proċess jitħaffef iktar. Semma kif dan kien “każ sfortunat u m’għandux ikun trattat l-istess bħal każijiet oħra, u l-proċeduri jtawlu bla bżonn.”
“L-esperjenza biddlitlu l-karattru u naqsitlu l-ħeġġa lejn il-ħajja”
Fil-Qorti, Dr Anton Grech qal li l-esperjenza li għadda minnha ż-żagħżugħ għadha stampata f’moħħu u qed tħallilu effetti psikoloġiċi. Sostna li l-irwol tiegħu hu li jibqa’ jgħinu biex joħroġ mill-Post Traumatic Stress Disorder.
Qal li din l-esperjenza biddlet il-karattru taż-żagħżugħ bil-konsegwenza li ngħalaq fih innifsu, filwaqt li naqsitlu l-enerġija u l-ħeġġa lejn il-ħajja.
L-Ispettur li mexxa l-każ b’appell għall-ġenituri
Il-Maġistrat Dr Mifsud kellu wkoll kliem ta’ tifħir għall-Ispettur Bernard Charles Spiteri li mexxa l-każ.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Spiteri appella lill-ġenituri biex jekk ma jkunux preżenti, iwissu lil uliedhom biex joqogħdu attenti kif iġibu ruħhom, u jiftħulhom għajnejhom dwar ċerti perikli.
Appella wkoll lill-awtoritajiet biex fejn possibbli, jsiru tabelli li jwissu dwar perikli kkawżati minn ċertu attività. “Għax imbagħad wara għalxejn”, temm jgħid l-Ispettur.