​Jappella għall-għajnuna lil familja b’4 itfal li spiċċat bla dar fl-Albanija

L-Isqof Awżiljarju ta’ Tirana fl-Albanija, Monsinjur Ġorġ Frendo qed jappella biex tingħata għajnuna lill-familja Albaniża b’erbat itfal li spiċċat bla dar.
Monsinjur Frendo fi stqarrija jirrakkonta dwar żjara li għamel f’raħal żgħir wara li nħakem minn maltemp qawwi.
Jispjega dwar kif ftit jiem ilu, ċediet parti minn muntanja li ġarrfet għal kollox id-dar ta’ din il-familja fqira. Din id-dar kienet inbniet bl-għajnuna tiegħu u tas-sorijiet ta’ Madre Tereża.
Jgħid li kien wieħed mill-ulied li x’ħin sema’ l-ħoss, mal-ewwel qajjem lil ħutu u lill-ġenituri tiegħu biex ifittxu joħorġu mid-dar. Ftit sekondi wara, ikompli jirrakkonta Monsinjur Frendo, id-dar iġġarrfet għal kollox.
Żar ukoll diversi rħula madwar ix-xmara Erzen, li faret u kkawzat ħsarat kbar lil madwar 400 familja oħra.
Isemmi kif il-Gvern Albaniż ma jistax jgħin lil dawn il-familji tant li għadu lanqas ħallashom ta’ l-għajnuna li kellu jagħtihom s-sena ta’ qabel.
Monsinjur Frendo jgħid li minkejja l-ġabriet tal-Ħadd mill-parroċċi, xorta waħda ma nġabrux flus biżżejjed biex dawn il-familji jingħataw l-għajnuna.
Jissokta li l-ikbar sodisfazzjon għalih tkun meta joħloq tbissima fuq wiċċ ta’ persuna fqira.
Fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħniena, issa qiegħed jappella lill-Maltin biex juru solidarjetà konkreta ma’ dawn il-familji Albaniżi.
Kien għalhekk li nfetaħ kont bankarju apposta fil-bank APS sabiex kull min irid, jista’ jgħin permezz ta’ donazzjoni f’dan il-kont.
In-numru tal-kont li nfetaħ mal-Bank APS għal dawn id-donazzjonijiet huwa 20001754433.