Jannar: Ħafna xemx imma ftit xita

  • 180 siegħa ta’ xemx imkejlin f’Jannar
  • It-temperatura tal-arja varjat bejn minimu ta’ 5.1˚C u massimu ta’ 18.8˚C
  • F’Jannar tkejlu biss 15 mm ta’ xita

L-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li f’Jannar ġew irreġistrati ħafna siegħat ta’ xemx iżda x-xita li tkejlet kienet mill-anqas.

Jannar 2020 tniżżel fir-rekords meteoroloġiċi bħala l-ħames l-aktar Jannar xott li esperjenzaw il-gżejjer Maltin sa mill-1923. Ix-xahar li għadda, fil-fatt, tkejlu biss 15 mm ta’ xita; total li kien ħafna aktar baxx min-norma klimatika ta’ 92.9 mm.

L-aktar jum li fih niżlet xita tul dan ix-xahar tassew xott kien it-12 ta’ Jannar, meta tkejlu 5.8 mm ta’ xita fi żmien 24 siegħa.

Ħarsa lejn l-informazzjoni għal Jannar turi li l-ewwel xahar tad-deċennju l-ġdid kien ikkaratterizzat minn aktar sigħat ta’ xemx, temperaturi ogħla u anqas xita milli mistennija f’dan iż-żmien tas-sena.

Filwaqt li xita ftit li xejn għamlet, u ma ġiet irrapportata l-ebda maltempata bir-ragħad u s-sajjetti, ħafna mill-ġranet ta’ Jannar kienu sbieħ u bix-xemx. Tul ix-xahar ta’ Jannar, fil-fatt, tkejlu 180 siegħa ta’ xemx; jiġifieri madwar 17-il siegħa aktar min-norma.

L-aħħar ġimgħa ta’ Jannar bdiet fuq nota tassew imdawla, hekk kif ix-xemx ħarġet għal 9.5 sigħat tul is-27 jum tax-xahar. Min-naħa l-oħra, fl-aktar jum mudlam tax-xahar, tkejlu biss 0.2 sigħat ta’ xemx.

It-temperatura tal-arja medja għal Jannar kienet ta’ 13.2˚C, jiġifieri 0.5˚C ogħla min-norma klimatika. Filwaqt li l-aktar temperatura baxxa għax-xahar kienet 5.1˚C, l-ogħla temperatura laħqet massimu ta’ 18.8˚C lejn l-aħħar ta’ Jannar.

Il-baħar ukoll kien aktar sħun għal dan iż-żmien tas-sena, bit-temperatura tal-wiċċ tilħaq medja ta’ 16.6˚C minflok it-temperatura medja mistennija ta’ 15.8˚C.