Jannar: aktar riħ u aktar sħana!

Jgħidu li Frar ifawwar il-bjar, iżda l-ewwel jum ta’ dan ix-xahar beda b’temp mill-isbaħ. Dan b’kuntrast max-xahar li għadda, li fih l-Uffiċju Meterjoloġiku ħareġ xejn inqas minn seba’ twissijiet ta’ riħ qawwi u tnejn oħra ta’ riefnu.

F’Jannar il-veloċità tar-riħ kienet aktar għolja mis-soltu, b’medja ta’ 11.3 knots. L-aħħar darba li r-riħ kien daqshekk b’saħħtu kien 23 sena ilu.

Kien ukoll xahar iktar sħun, bit-temperatura medja tkun dik ta’ 13.3°C. Il-medja hi ta’ 12.4°C. Il-baħar kien 1°C aktar sħun mill-medja. Kellna wkoll siegħa aktar dawl tax-xema mill-medja.