Janice ta’ ‘Kewkba’ se tikkompeti fl-akbar festival tal-Lvant

Il-kantawtriċi Janice Mangion se terħilha lejn il-Belarussja biex tikkompeti fl-akbar kompetizzjoni mużikali fl-Ewropa tal-Lvant.
Dan hekk kif Janice hi waħda mill-ftit kantanti li ngħatat l-opportunità li tieħu sehem fis-Slaviansky Bazaar, ġewwa Vitebsk.
Din il-kompetizzjoni tat bidu lill-karriera mużikali ta’ għadd ta’ artisti, fosthom, Zeljko Joksimovic, Tose Proeski, Donny Montell u Ruslana.
Barra minn hekk, dan l-ispettaklu jattira ismijiet kbar mid-dinja tal-mużika, fosthom, Albano, Alexander Rybak, Blue, Sergey Lazarev u Kostas Martakis.
Fost numru ta’ kanzunetti, Janice mistennija tkanta ‘Kewkba’.
Dan il-festival se jittella’ bejn id-9 u s-16 ta’ Lulju.
Il-parteċipazzjoni ta’ Janice f’din il-kompetizzjoni saret permezz tal-koordinazzjoni bejn il-maniġer u r-rappreżentant tar-relazzjonijiet pubbliċi ta’ Janice, Marc Calleja Bayliss, u r-rappreżentanta ta’ kompetizzjonijiet kbar ta’ pajjiżi mil-Lvant tal-Ewropa, Evlina Batey.