“Jammettu nuqqasijiet imma ma jiħdux azzjoni” – MUMN

Read in English.

L-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li minkejja li d-Dipartiment tas-Saħħa ammetta diversi nuqqasijiet, mhux se jkun qed jieħu l-azzjonijiet neċessarji biex jassigura lill-infermiera fuq xogħolhom.

Minħabba f’hekk, l-union talbet li jidħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi. Qalet li ladarba l-Isptar Karin Grech għandu l-ikbar ammont ta’ talbiet għal superviżjoni, id-direttivi li diġà hemm fil-post se jibqgħu fis-seħħ. Dan ifisser li kull pazjent li għandu bżonn superviżjoni ma jitniżżilx mis-sodda u ċ-charting tagħhom ma jinħadimx kollu.

Intant, l-MUMN ordnat ukoll li l-infermiera fl-isptarijiet kollha madwar Malta u Għawdex li jirċievu formoli mill-Allied Healthcare Professionals sabiex pazjent ikollu superviżjoni għandu jibgħat din il-formola f’envelop bil-posta fl-indirizz: Office of the Perm. Sec. 15, Triq il-Merkanti, Valletta. Huma ntalbu wkoll sabiex qabel ma jagħlqu l-envelop jiktbu l-kliem “requesting additional carers” fuq il-formola.

L-MUMN spjegat li d-direttivi li qed tordna mhux se jikkawżaw l-ebda periklu jew tbatija għall-pazjenti, imma se sservi bħala għajnuna għall-infermiera li jistgħu jispiċċaw akkużati b’offiżi kriminali minħabba nuqqas ta’ superviżjoni jew assistenza. Din hija xi ħaġa li fl-aħħar snin għaddew minnha numru ta’ infermiera. L-MUMN spjegat li din l-azzjoni ttieħdet hekk kif id-dipartiment ma jridx joffri aktar carers.

Dawn id-direttivi għandhom jidħlu fis-seħħ nhar il-Ħamis 30 ta’ Jannar mis-7am ‘il quddiem.

Tgħabbija wisq kbira fuq l-infermiera

Newsbook.com.mt kien tkellem mal-President tal-MUMN Paul Pace fejn spjega li l-infermiera qed jitħallew b’tagħbija u responsabbiltà ta’ pazjenti li hija kbira wisq meta mqabbla mal-ammont ta’ carers u infermiera li jkun hemm assenjati ma’ ward f’ġurnata sħiħa. Pace spjega kif meta pazjent jiġi ordnat li jkollu superviżjoni, din ġeneralment tkun tirrikjedi attenzjoni assoluta minn carer jew infermier. Qal li minkejja li l-isptarijiet ikunu mgħarrfa b’dan, ħafna drabi xorta jiddeċiedu li ma jimpjegawx biżżejjed carers sabiex ilaħħqu mad-domanda.

Pace irrimarka li dawn il-formoli ġew implimentati b’mod li jmur kontra l-proċeduri normali ta’ kif issir l-implementazzjoni ta’ formoli fi sptarijiet normali. Qal li dawn il-formoli ġew introdotti mill-patoloġisti mingħajr permess mill-maniġment tal-isptarijiet u b’hekk injoraw b’mod totali r-riperkussjonijiet legali li jistgħu jsofru l-infermiera u l-qwiebel. Qal li hu jinsab infurmat li l-uffiċċju ta’ Rapa naqas milli jaċċerta li jew il-formoli jiġu emendati jew inkella jipprovdi biżżejjed carers biex ikopri t-talbiet għas-superviżjonijiet u l-assistenza.

Pace qal ukoll li jinsab infurmat li l-maniġment tal-iSpeech Language Pathologists qed jirreżisti t-talbiet tal-maniġment tal-Isptarijiet dwar it-tibdil tal-formoli u li l-uffiċċju fi ħdan il-Ministeru mhux qed jassisti lill-maniġment tal-Isptarijiet f’dan.

L-MUMN b’laqgħat mad-Dipartiment tas-Saħħa

F’email mibgħut lill-membri tagħha l-union spjegat li kellha diversi laqgħat mad-Dipartiment tas-Saħħa. L-MUMN spjegat li d-Dipartiment ammetta li ma hemmx persuni li qed jirregolaw dawn il-formoli mill-Allied Health Professionals. Iżda d-dipartiment qal li mhux se jkun qed jissospendi temporanjament il-formoli u lanqas ineħħi l-problemi legali li dawn il-formoli jistgħu joħolqu fuq l-infermiera.

Intant, l-MUMN spjegat li d-Dipartiment spjega li hu la għandu r-riżorsi finanzjarji u lanqas m’għandu biżżejjed carers sabiex jimplementa dak kollu li qed jitolbu l-formoli. Minkejja dan, id-Dipartiment jidher li qed jirrifjuta milli jieħu azzjoni fuq il-formoli sabiex ir-responsabbiltajiet kriminali li jistgħu jseħħu b’konsegwenza tagħhom ma jaqgħux kompletament fuq l-infermiera.

L-MUMN għamlet talba oħra lid-Dipartiment, fejn talbet li l-ispejjeż legali, tal-Qrati u anke d-danni tal-infermiera jitħallsu mid-Dipartiment. Talba oħra li sostniet li ġiet irrifjutata.