Jammetti li żbalja li qala’ ġlieda fuq il-Fosos; jinħeles mill-arrest

Luke Zerafa

Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta li żbalja meta ħebb għall-ekssieħeb tal-għarusa tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival fuq il-Fosos tal-Furjana lbieraħ.

Is-Sirjan ta’ 27 sena li jaħdem bħala plasterer u joqgħod Bormla tressaq il-Qorti llum u wieġeb ħati talli weġġa’ gravi lill-ekssieħeb tal-għarusa li huwa Qormi ta’ 26 sena, u talli kiser il-paċi pubblika.

Il-Qorti semgħet kif is-Sirjan ġera għal fuq il-post meta l-għarusa tiegħu ċemplitlu biex tgħidlu li ltaqgħet mal-eks tagħha u kellha xi tgħid miegħu.

Ġlieda fil-Furjana; jindarbu 4 persuni

Minn hemm żvolġa argument bejn iż-żewġ irġiel, li kienu viċin karru tal-Karnival, tant li erba’ persuni spiċċaw involuti fil-ġlieda. Ir-raġel beża’ li dal-grupp se jagħmel għalih, għalhekk ta l-ewwel daqqa.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni, Jeffrey Scicluna, qal fil-Qorti li għandhom jitressqu nies oħra l-Qorti peress li l-akkużat jaf kien provokat.

L-akkużat ammetta li qatt ma kellu xi jgħid ma’ ħadd fl-erba’ snin li ilu joqgħod Malta. L-avukat tiegħu spjega li l-akkużat spiċċa involut f’argument li ma kienx jikkonċerna lilu direttament. Jidher li l-għarusa tiegħu kienet qed targumenta mal-eks tagħha dwar kwistjonijiet familjari.

L-avukat argumenta wkoll li s-Sirjan għandu kondotta nadifa, u din kienet l-ewwel darba li hu tressaq il-Qorti, fejn ammetta għall-involviment tiegħu mill-ewwel, u wera rimors tal-azzjonijiet tiegħu.

Il-mara weġġgħet ħafif f’dan l-argument.

Għaldaqstant, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, laqgħet it-talba tal-ħelsien mill-arrest tar-raġel b’depożitu ta’ €300, garanzija personali ta’ €1,700 u bil-patt li huwa jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa u ma jkollux kuntatt max-xhieda għall-każ.

L-akkużat tqiegħed taħt Ordni ta’ Protezzjoni sakemm ikompli jinstema’ l-każ il-ġimgħa d-dieħla.