Jammetti li żamm il-flus li kellu jagħti lil min jimpjegah

Raġel li ammetta li żamm il-flus ta’ 3 kumpaniji li ma kinux għalih, ingħata żmien ta’ prova mill-Qorti, wara li qal li kien radd lura l-flus li żamm.

L-akkużat ta’ 28 sena minn Fleur De Lys tressaq il-Qorti taħt l-akkużi li żamm pagamenti ta’ servizzi u kirjiet mill-MFCC u mill-Corinthia Group u pagamenti ta’ klijenti mid-Demajo Group li kellhom ikunu għal dawk li jimpjegawh. Ġie akkużat ukoll li hu riċediv.

Hu kien diġà ammetta għall-akkużi waqt smigħ f’Novembru, minkejja li l-Qorti wissietu bil-konsegwenzi. L-avukati tal-MFCC, tal-Corinthia u tad-Demajo Group infurmaw lill-Qorti li l-ammonti kienu ngħataw lura lilhom.

Għaldaqstant, il-Qorti sabet li l-akkużat kien ħati, u tatu sentenza ta’ prova għal 3 snin.