Jammetti li xaħħam biex jinfurmawh dwar imwiet fl-isptar

Kummissjonant tal-funerali akkużat li xaħħam care worker biex itih informazzjoni meta persuna tmut fl-isptar, wieġeb ħati tar-reat u ġie kkundannat 20 xhar ħabs sospiżi għal tliet snin.
Angelo Vella, ta’ 62 sena minn Ħaż-Żabbar instab ħati li fi Frar li għadda kif ukoll fi snin preċedenti, flimkien ma kummissjonant ieħor, xaħħam care worker biex jgħaddilhom informazzjoni sensittiva dwar pazjenti li jmutu fl-Isptar.
Minbarra s-sentenza ħabs sospiża, Vella kien ordnat wkoll l-interdizzjoni ġenerali perpetwa.
Dwar il-każ hemm ukoll akkużati kummissjonant ieħor ta’ 57 sena u l-care worker ta’ 59, it-tnejn minn Ħaż-Żabbar.
Dan il-każ ta’ allegat tixħim beda jinstema wara li saru numru ta’ arresti meta raġel ikkuntattja lill-midja lokali bl-istorja tiegħu ta’ kif kummissjonanti tal-funerali saru jafu bil-mewt ta’ missieru qablu, u saħansitra kienu se jkunu huma li jwasslulu l-aħbar meta marru quddiem il-bieb ta’ daru sabiex joffrulu s-servizzi tagħhom.
Ritratt: Ian Noel Pace