Jammetti li uża massage parlours għall-prostituzzjoni

Sid ta’ erba’ massage parlours ammetta li kien qed jużhom għall-prostituzzjoni. Dan wara li tressaq il-Qorti ma’ erba’ nisa mill-Kolombja li flimkien kienu joperaw il-burdell.

Joseph Zammit, ta’ 42 sena ttessaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkużat li kien qed jgħix fuq flus li għamel mill-prostituzzjoni, li kien imexxi burdell u li ħalla li l-propjetà tiegħu tintuża għall-prostituzzjoni.

Hu wieġeb ħati u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Hu weħel ukoll multa ta’ €450 u ttiħditlu l-liċenzja li jmexxi bar għal sentejn.

Fil-Qorti ġie spjegat kif ir-raġel kien iħaddem nisa bħala massjatur li mbagħad joffru s-servizzi tas-sess lill-klijenti tagħhom. Jidher li Zammit kien qed jimpjega lin-nisa fuq arranġament li bih kienu jaqsmu l-qliegħ li jagħmlu bejniethom.

Il-massage parlours li kien qed jopera jinsabu fil-Fgura, San Ġiljan, Birkirkara u l-Ħamrun.

Fil-Qorti ġie enfasizzat li n-nisa ma kienux ġew traffikati iżda kienu jaħdmu hemm minn jeddhom. Ġie sostnut li kienu jitħallsu tax-xogħol tagħhom. In-nisa kollha kellhom passaport, insurance, ċertifikati u l-permess biex jaħdmu bħala massjatur.

In-nisa li għandhom bejn 20 u 33 sena wkoll wieġbu ħatja li kienu kompliċi fit-tmexxija tal-burdell. Huma weħlu sena ħabs sospiża għal sentejn u multi bejn €100 u €150. In-nisa kollha se jiġu deportati.