Jammetti li silef il-passaport lil sieħbu biex jiġi Malta

Niġerjan residenti l-Italja ammetta fil-Qorti li silef il-passaport tiegħu lil Niġerjan ieħor, biex ikun jista’ jivvjaġġa bejn Malta u l-Italja.
Samuel Akighbe ta’ 29 sena tressaq il-Qorti wara li nhar it-Tnejn li għadda, sieħbu Chukwuka Samuel Okon ta’ 39 sena, kien arrestat fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Il-Qorti semgħet li Okon kien qed jaħdem f’Malta b’mod illegali u li kien ilu ġej u sejjer minn Malta għall-Italja mill-2013.
Huwa ngħata sentenza ta’ sena priġunerija sospiża għal tliet snin.
Il-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li l-akkużat kien se jintbagħat l-Italja f’qasir żmien.