Jammetti li seraq u għandu problema ta’ xorb; 6 xhur ħabs

Read in English.

Żagħżugħ ta’ 17-il sena ngħata sitt xhur ħabs wara li ammetta li kkommetta numru ta’ serqiet minn f’appartamenti tat-turisti f’San Ġiljan. Huwa qal li għandu problema ta’ xorb u uża l-flus biex ikun jista’ jixtri x-xorb.

Iż-żagħżugħ li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti tressaq quddiem il-Qorti illum. Huwa ġie akkużat li seraq flus kontanti u mowbajls minn appartamenti li fihom kienu qed joqgħodu t-turisti nhar it-8 ta’ Awwissu.

Iż-żagħżugħ li huwa mil-Libja u jgħix Ħal Far, jaħdem ta’ bajjad. Il-Qorti osservat li kemm ilu Malta iż-żagħżugħ tgħallem il-Malti, filwaqt li l-Maġistrat Joe Mifsud żied jgħid li hawn minn twieled Malta u ma jafx il-Malti.

L-Ispettur Joseph Xerri li mexxa l-prosekuzzjoni fil-konfront taż-żagħżugħ qal lill-Qorti li huma kienu nfurmati biż-żagħżugħ qed jaġixxi b’mod stramb in-naħa tal-Corinthia f’San Ġiljan. Spjega li huma għamlu search fuq iż-żagħżugħ fejn irriżulta li kellu ż-żewġ Tallinja cards differenti kif ukoll dokument ta’ identità differenti. Spjega li ż-żagħżugħ ittieħed l-għassa biex tiġi vverifikata l-identità tiegħu.

L-Ispettur spjega li huma ndunaw li ż-żagħżugħ jixbaħ ħafna żagħżugħ li kien inqabad jisraq fuq il-kameras tas-sigurtà. Ladarba kkonfermaw li kien l-istess żagħżugħ huwa ġie arrestat.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li se jkun qed itih piena ta’ ħabs effettiva, bl-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace jsostni li huwa kien qed iħares lejn probation hekk kif fil-ħabs hemm “università”.

Il-Maġistrat osserva li l-affarijiet fil-ħabs inbidlu u li ż-żagħżugħ għandu bżonn l-għajnuna għall-problema li għandu tax-xorb.

Huwa żied jgħid li meta tara reati bħal dawn wieħed jisraq lit-turisti li jiġu Malta għal vaganza taf tagħti l-impressjoni li “Malta mhix safe”.

Il-Qorti sostniet li ż-żagħżugħ għandu jaħdem ħafna biex jimxi fit-triq it-tajba.

Il-Qorti ordnat li ż-żagħżugħ jingħata sitt xhur ħabs priġunerija u ordni ta’ trattament tat-tliet snin biex jgħeleb il-problema tal-alkoħol.

Il-Maġistrat Joe Mifsud żied jgħid liż-żagħżugħ għandu jingħata l-għajnuna b’mod immedjat ħalli jgħeleb il-vizzju. Huwa rrakkomanda li ż-żagħżugħ jintbagħat fil-faċilità korrettiva għall-minuri fl-Imtaħleb, il-YOURS.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Xerri filwaqt li għall-akkużat deher l-avukat Simon Micallef Stafrace.