Jammetti li seraq 3 mobiles; jinżamm arrestat

Raġel ta’ 32 sena ammetta li seraq tliet mobiles u nżamm arrestat.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel mis-Somalja allegatament seraq żewġ mobiles minn karozza u ieħor minn kiosk tal-lotto.

Il-pulizija arrestawh wara li sid ta’ ħanut ċemplilhom u qalilhom li għaraf lill-ħalliel.

L-avukat tad-difiża Dustin Camilleri m’għamel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni mmexxija minn Jeffrey Scicluna insistiet biex l-akkużat jingħata sentenza ta’ priġunerija peress li kien reċidiv. Talab ukoll biex l-akkużat jiġi eżaminat minn professjonisti tas-saħħa wara li qal li kien ħarab mill-isptar Monte Karmeli.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet lill-akkużat li messu fittex għall-għajnuna qabel.
Is-sentenza mistennija tinqata’ l-ġimgħa d-dieħla.