Jammetti li kellu filmati ta’ trabi abbużati sesswalment

Tlieta mis-seba’ persuni li li nhar it-Tlieta tressqu l-Qorti akkużati bil-pussess ta’ pornografija tat-tfal illum wieġbu ħatja ta’ dawn l-akkużi.
Wieħed minn dawn it-tlieta kellu filmati ta’ trabi abbużati sesswalment.
Dawn is-seba’ persuni kienu tressqu l-Qorti mill-Ispetturi tal-Pulizija, Joseph Busuttil u Justine Grech, u t-Tlieta tnejn minnhom kienu diġà wieġbu ħatja.
Fil-Qorti nstema’ kif wieħed minn dawk li qalu li huma ħatja, Filippin, kellu fil-pussess tiegħu filmati disturbanti ta’ trabi abbużati sesswalment. Dan ingħata sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin.
Imbagħad wieħeb ħati żagħżugħ Malti ta’ 20 sena li għandu vizzju serju ta’ pornografija, u ngħata ordni għal probation ta’ 3 snin, u ntbagħat għal servizz ta’ kura li jtul tliet snin.
Finalment il-Malti l-ieħor li ammetta l-akkużi ngħata libertà proviżorja ma’ depożitu €800, u garanzija personali ta’ €3,000.
Sadanittant, Sirjan li nhar it-Tlieta li għaddew qal li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, illum reġa’ enfasizza dan u talab biex jinħeles mill-arrest, iżda l-Maġistrat Audrey Demicoli ċaħdet it-talba.
L-ismijiet tal-irġiel ma jistgħux jixxandru minħabba ordni mill-Qorti, u l-investigazzjoni skattat minn ħjiel li ġie mill-Interpol, organizzazzjoni internazzjonali li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Pulizija.
Is-seba’ persuni ġejjin minn sfonti differenti, fosthom impjegat f’bank, kok, żewġ studenti, u kaħħal.